An official website of the European UnionAn official EU website
Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0388

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Dwar l-operat ġenerali tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fil-pajjiżi tal-UE (2022) biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

COM/2024/388 final

Brussell, 4.9.2024

COM(2024) 388 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Dwar l-operat ġenerali tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fil-pajjiżi tal-UE (2022) biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

{SWD(2024) 208 final}


Kontenut

Sommarju eżekuttiv    

Introduzzjoni    

Parti 1

Kontrolli uffiċjali mwettqa mill-pajjiżi tal-UE fl-2022    

1.1

Ħarsa ġenerali    

1.2

Rapporti annwali tal-pajjiżi tal-UE    

1.3

L-organizzazzjoni u l-prestazzjoni tas-sistemi ta’ kontrolli uffiċjali    

1.4

Miżuri meħuda biex jiġi żgurat l-operat effettiv tal-MANCP    

1.4.1

Azzjoni meħuda biex tiġi żgurata l-konformità tan-negozju    

1.4.2

Infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali    

1.4.3

Azzjoni meħuda biex jiġu żgurati sistemi ta’ kontroll uffiċjali effettivi    

Parti 2

Kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fil-pajjiżi tal-UE fl-2022    

2.1

Awditi u kontrolli    

2.2

Rakkomandazzjonijiet    

2.3

Punti ewlenin mill-kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fl-2022    

2.4

Segwitu sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi    

2. 4.1

Awditi ta’ segwitu ġenerali    

2.4.2

Infurzar    

Konklużjonijiet    



Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippreżenta dan ir-rapport f’konformità mal-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) 2017/625 ( 1 ). Dan ir-rapport għandu l-għan li jtejjeb id-disponibbiltà pubblika tal-informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-pajjiżi tal-UE — u l-kontrolli tal-Kummissjoni fuqhom — fl-oqsma tas-sikurezza alimentari u tal-għalf, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali, il-biedja organika u l-iskemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel.

Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza tinterpreta d-dritt tal-Unjoni.

L-għan tagħna huwa li nżommu din l-informazzjoni aġġornata u akkurata. Jekk tiġbdulna l-attenzjoni dwar xi żbalji, se nippruvaw nikkoreġuhom.

Il-materjal li ntuża għal dan ir-rapport:

huwa informazzjoni ta’ natura ġenerali u ma huwiex maħsub biex jindirizza ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kwalunkwe individwu jew ta’ entità partikolari;

ma huwiex neċessarjament komprensiv, komplut, akkurat jew aġġornat; u

huwa parzjalment ipprovdut mill-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE, li fuqhom il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kontroll u li għalihom il-Kummissjoni ma tista’ tieħu l-ebda responsabbiltà.

Xi data jew informazzjoni f’dan ir-rapport setgħet inħolqot jew ġiet strutturata f’fajls jew f’formati li ma humiex ħielsa minn żbalji.



Sommarju eżekuttiv

Dan ir-rapport ikopri l-operat ġenerali tal-kontrolli uffiċjali tal-pajjiżi tal-UE u l-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni fl-2022. L-għan ta’ dawn il-kontrolli huwa li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u fiduċja fil-katina alimentari, mill-għalqa sal-platt. Dawn huma mod importanti biex jiġi vverifikat li n-negozji jikkonformaw mar-rekwiżiti legali tagħhom biex il-konsumaturi tal-UE jkunu jistgħu jkunu kunfidenti li l-ikel li jieklu huwa sikur. Huma wkoll kruċjali biex jippermettu l-kummerċ sikur u bla xkiel tal-ikel, tal-annimali u tal-pjanti, kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi li ma humiex fl-UE.

L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli mit-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali. Jekk in-negozji tul il-katina alimentari ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-awtoritajiet huma meħtieġa jinfurzaw ir-rekwiżiti u jiżguraw li n-negozji jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Fl-2022, kien hemm 16,4 miljun negozju fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli uffiċjali u l-awtoritajiet nazzjonali wettqu madwar 5 miljun kontroll uffiċjali fuqhom. Dawn il-kontrolli identifikaw 1,2 miljun kwistjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, li wasslu għall-applikazzjoni ta’ ftit aktar minn 475 000 penali amministrattiv u 12 000 azzjoni legali.

Il-Kummissjoni tivverifika kif il-pajjiżi tal-UE jwettqu l-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet ta’ infurzar.

Il-kontrolli tal-Kummissjoni juru li, b’mod ġenerali, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom is-sistemi meħtieġa fis-seħħ biex jimmonitorjaw u jiżguraw li n-negozji jkunu qed jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-UE u biex jaġixxu fejn ikun hemm kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. F’xi pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontroll uffiċjali, u indikaw li kien hemm lok għal titjib. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali.

Il-Kummissjoni ssegwi b’mod sistematiku r-rakkomandazzjonijiet tagħha u, fejn meħtieġ, tagħmel użu minn għodod oħra ta’ infurzar. Barra minn hekk, hija tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE billi tipprovdi assistenza teknika u taħriġ permezz tal- inizjattiva Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel u laqgħat tekniċi ta’ networks ta’ esperti.

Mill-2020 ’l hawn, l-awtoritajiet nazzjonali rrapportaw ir-riżultati tal-kontrolli tagħhom bl-użu ta’ format elettroniku armonizzat. Madankollu, mhux il-pajjiżi kollha tal-UE rnexxielhom jissottomettu d-data kollha tagħhom fil-format meħtieġ sa issa.

Introduzzjoni

L-UE għandha l-għan li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni u fiduċja fis-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, il-benesseri tal-annimali, il-biedja organika u fi skemi ta’ oriġini ġeografika (denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) u speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STG)). In-nies li jgħixu fl-UE jistennew bir-raġun standards għoljin f’dawn l-oqsma kollha.

L-UE għandha qafas legali komprensiv biex tiżgura li l-kontrolli jkunu konsistenti tul il-katina tal-ikel u tal-għalf, mill-għalqa sal-platt, u mmonitorjati kif xieraq, filwaqt li tiżgura wkoll suq uniku effettiv u kummerċ ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, ir-referenzi għall-pajjiżi tal-UE u d-data statistika jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ( 2 ).

Wieħed mill-pilastri tal-politika integrata tal-UE dwar is-sikurezza alimentari mill-għalqa sal-platt huwa li kull pajjiż tal-UE jrid ikollu sistema ta’ kontroll uffiċjali effettiva, ibbażata fuq ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali ( 3 ). L-għan huwa dak li tiġi vverifikata u, fejn meħtieġ, infurzata l-konformità tan-negozju mal-istandards tal-UE tul il-katina tal-ikel u tal-għalf. Il-pajjiżi tal-UE jridu jfasslu pjanijiet ta’ kontroll pluriennali (MANCPs, multiannual control plans) li jkopru l-oqsma kollha regolati mil-leġiżlazzjoni agroalimentari tal-UE.

Il-Kummissjoni għandha rwol importanti fil-qafas ġenerali ta’ kontroll fil-livell tal-UE ( 4 ) u twettaq kontrolli, inklużi awditi, fil-pajjiżi tal-UE biex tivverifika li l-awtoritajiet nazzjonali qed jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jippreżentaw rapport annwali lill-Kummissjoni ( 5 ) dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tagħhom f’konformità mal-MANCP tagħhom.

Il-Kummissjoni tipproduċi rapport ( 6 ) dwar l-operat tal-kontrolli uffiċjali fil-pajjiżi tal-UE, filwaqt li tqis:

ir-rapporti annwali ppreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom; u

l-eżitu tal-kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fil-pajjiżi tal-UE.

Dan ir-rapport ikopri s-sena 2022. Dan jikkonsisti f’rieżami ta’:

ir-rapporti annwali tal-pajjiżi tal-UE li jkopru l-2022;

il-kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fil-pajjiżi tal-UE fl-2022; u

is-segwitu, l-infurzar u l-appoġġ tal-Kummissjoni pprovduti lill-awtoritajiet nazzjonali.

Jinkludi kompilazzjoni tad-data pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali għall-2022. Maż-żmien, din id-data se tagħmilha possibbli li jiġu identifikati xejriet fil-kontrolli u kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

Il-grafika li turi l-kontrolli uffiċjali nazzjonali hija bbażata fuq id-data aggregata tal-2022 mill-pajjiżi tal-UE.

Peress li r-rekwiżiti ta’ rapportar inbidlu mill-2020 ’l hawn, mhux il-pajjiżi kollha tal-UE setgħu jipprovdu d-data kollha għall-2022 fid-dettall meħtieġ. Dan jillimita l-punt sa fejn il-grafika tista’ titqabbel minħabba li xi pajjiżi tal-UE setgħu pprovdew data kkombinata li ma kinitx diżaggregata fis-subkategoriji meħtieġa.

Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal ( 7 ) li jipprovdi aktar dettall dwar il-kontrolli u l-awditi mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Kummissjoni fis-setturi tal-katina alimentari li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali.

Parti 1

Kontrolli uffiċjali mwettqa mill-pajjiżi tal-UE fl-2022

1.1

Ħarsa ġenerali

L-ikel jiġi prodott u mqassam mill-għalqa sal-platti tagħna wara bosta ktajjen li jkopru firxa wiesgħa ta’ setturi u attivitajiet tan-negozju( 8 ).

It-Tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fil-pajjiżi tal-UE fl-2022.

Tabella 1: Kontrolli uffiċjali fl-2022 – f’ċifri

In-negozji kollha fil-katina alimentari

Kontrolli uffiċjali mwettqa

Kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati

Penali amministrattivi applikati

Azzjoni legali meħuda

16 414 273

5 010 943

1 205 443

476 160

12 182

L-Illustrazzjoni 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-pajjiżi tal-UE tul il-katina alimentari, mill-għalqa sal-platt ( 9 ). Turi n-numru ta’ operaturi, ta’ kontrolli uffiċjali li saru, ta’ kwistjonijiet ta’ nonkonformità li ġew identifikati u ta’ sanzjonijiet amminsitrattivi li ġew applikati – analiżi skont l-attivitajiet differenti fil-katina alimentari ( 10 ).

It-Tabella 2 turi l-ewwel ħames setturi tal-katina alimentari b’ċifri assoluti għan-numru ta’ entitajiet, il-kontrolli uffiċjali mwettqa, il-kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati u l-penali amministrattivi applikati. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport jipprovdi analiżi ulterjuri ta’ dawn iċ-ċifri fl-oqsma kollha tal-katina alimentari.

Illustrazzjoni 1: Kontrolli uffiċjali mwettqa mill-pajjiżi tal-UE fl-2022



Biedja – pjanti

#

Numru ta’ operaturi

Biedja – annimali

Numru ta’ kontrolli uffiċċjali

Biedja – imħallta

Numru ta’ kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità

Akkwakultura

Numru ta’ penali amministrattivi

Sajd

Kaċċa

Għalf tal-annimali

Trasport tal-annimali

Biċċeriji u stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa

Produzzjoni tal-ikel

Ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali

Distribuzzjoni tal-ikel

Bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut

Servizz tal-ikel

Produtturi tal-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel

Tabella 2: Kontrolli uffiċjali fl-2022 – l-ewwel ħames setturi

Entitajiet

Biedja

7 660 600

Bejgħ bl-ingrossa tal-ikel

4 307 282

Servizz tal-ikel

2 904 890

Produzzjoni tal-ikel

665 651

Distribuzzjoni tal-ikel

453 116

Kontrolli uffiċjali

Servizz tal-ikel

1 245 090

Bejgħ bl-ingrossa tal-ikel

1 096 415

Trasport tal-annimali

855 274

Produzzjoni tal-ikel

842 194

Biedja

587 219

Kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità

Servizz tal-ikel

360 134

Trasport tal-annimali

342 640

Bejgħ bl-ingrossa tal-ikel

223 622

Produzzjoni tal-ikel

153 608

Biedja

81 719

Penali amministrattivi

Servizz tal-ikel

176 541

Bejgħ bl-ingrossa tal-ikel

125 518

Produzzjoni tal-ikel

93 152

Biedja

50 492

Distribuzzjoni tal-ikel

11 911

1.2

Rapporti annwali tal-pajjiżi tal-UE

L-awtoritajiet nazzjonali użaw il-format il-ġdid tar-rapportar għat-tielet darba biss. Xi wħud għad kellhom problemi bil-kompilazzjoni tad-data fil-format meħtieġ. Dan ifisser li l-paraguni bejn id-data sottomessa għall-2020, l-2021 u l-2022 jistgħu ma jkunux affidabbli. Il-bidla għall-format il-ġdid tagħmilha wkoll diffiċli li d-data ta’ qabel l-2020 titqabbel mad-data ta’ wara l-2020. Għalhekk għadu kmieni wisq biex id-data tibda titqabbel fil-livell tal-UE sena wara sena.

Il-pajjiżi tal-UE huma mistiedna jipprovdu valutazzjonijiet tal-livell ġenerali ta’ konformità u effettività tas-sistema ta’ kontroll. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali pprovdew inqas informazzjoni għall-2022 milli kien previst fid-dokument ta’ gwida ( 11 ).

Fir-rigward tal-benesseri tal-annimali fil-farms u matul it-trasport, ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali jiddikjara li r-rapporti annwali iridu jinkludu analiżi tal-aktar inċidenti serji ta’ nuqqas ta’ konformità. Din l-analiżi għandha tkun il-bażi għal pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tal-okkorrenza tagħhom fis-snin li ġejjin ( 12 ). B’mod ġenerali, u kif kien ukoll il-każ għall-2020 u l-2021, l-awtoritajiet nazzjonali ma pprovdewx din l-analiżi jew il-pjanijiet ta’ azzjoni. Dan jagħmilha impossibbli għall-Kummissjoni li tipprovdi s-sommarju meħtieġ dwar il-benesseri tal-annimali.

L-awtoritajiet nazzjonali pprovdew ukoll informazzjoni limitata ħafna biss dwar kontrolli mmirati lejn prattiki frawdolenti u qarrieqa.

1.3

L-organizzazzjoni u l-prestazzjoni tas-sistemi ta’ kontrolli uffiċjali

Il-pajjiżi tal-UE stabbilew sistemi ta’ kontroll uffiċjali biex jivverifikaw li n-negozji kollha tul il-katina alimentari japplikaw il-qafas legali.

L-MANCPs tal-awtoritajiet nazzjonali jiddeskrivu kif huma stabbiliti s-sistemi ta’ kontroll tagħhom u jiddeskrivu l-objettivi strateġiċi tagħhom.

Il-gwida tal-Kummissjoni għall-mili tar-rapporti annwali tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali:

jiddeskrivu kwalunkwe aġġornament dwar kif jiġu organizzati s-sistemi ta’ kontroll uffiċjali;

jinkludu tabella bir-riżultati tal-indikaturi tal-prestazzjoni użati għall-kejl tal-objettivi strateġiċi; u

jinkludu dikjarazzjoni dwar il-livell ġenerali ta’ konformità u l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll uffiċjali, ibbażata fuq l-analiżi u s-sinteżi tar-riżultati tas-sistemi ta’ kontroll, l-objettivi tagħhom u l-indikaturi tal-prestazzjoni tagħhom.

Xi pajjiżi tal-UE jirrepetu d-deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom fir-rapport annwali, informazzjoni li diġà hija disponibbli fl-MANCP tagħhom.

Id-dikjarazzjonijiet dwar il-livell ġenerali ta’ konformità u effettività huma fil-biċċa l-kbira limitati ħafna. Id-deskrizzjonijiet ivarjaw minn sodisfaċenti sa li jipprovdu perċentwal tan-negozji soġġetti għall-kontrolli b’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità (jew mingħajrhom).

10 pajjiżi tal-UE inkludew informazzjoni dwar l-objettivi u r-riżultati. Tmienja minn dawn il-pajjiżi pprovdew din l-informazzjoni fil-forma ta’ ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-indikaturi tagħhom. L-indikaturi xi drabi huma limitati għall-għadd ta’ kontrolli uffiċjali mwettqa u l-kampjuni meħuda.

Xi rapporti tal-pajjiżi tal-UE ma fihomx informazzjoni mill-awtoritajiet kollha involuti fil-kontrolli uffiċjali tul il-katina alimentari.

Xi prattiki tajbin ta’ min jinnotahom:

-l-awtoritajiet Latvjani inkludew indikatur dwar il-prestazzjoni tal-uffiċjali;

-l-awtoritajiet Belġjani jiddefinixxu l-barometri abbażi tar-riżultati miksuba mill-kontrolli uffiċjali;

-l-awtoritajiet Daniżi jużaw l-għadd ta’ każijiet ta’ mard li jittieħed mill-ikel ikkawżat mis-Salmonella u l-għadd ta’ sejħiet lura.

Bosta pajjiżi tal-UE ddikjaraw li l-għadd ta’ kontrolli mwettqa reġa’ żdied meta mqabbel mas-snin preċedenti wara t-tneħħija gradwali tal-miżuri biex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19. Oħrajn għadhom jirrapportaw effetti negattivi mill-miżuri tal-pandemija fuq il-kapaċità tagħhom li jwettqu kompletament il-kontrolli li kienu ppjanaw.

Fatturi oħra li kellhom impatt negattiv fuq il-programmi ta’ spezzjoni rrapportati mill-awtoritajiet nazzjonali kienu jinkludu riżorsi insuffiċjenti (persunal, finanzjarji u tagħmir), kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali li għaddejjin bħalissa (eż. id-deni tal-ħnieżer Afrikan u l-influwenza avjarja) u l-kwistjonijiet tas-saħħa tal-pjanti, il-Brexit u l-gwerra fl-Ukrajna.

1.4

Miżuri meħuda biex jiġi żgurat l-operat effettiv tal-MANCP

L-objettiv tal-MANCPs huwa li jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu b’mod li jkun ibbażat fuq ir-riskju u effiċjenti tul il-katina agroalimentari kollha, u f’konformità mar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali.

Meta l-kontrolli uffiċjali jidentifikaw każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa jieħdu azzjoni biex jiżguraw li n-negozju mhux konformi jirrettifika l-kwistjoni biex jipprevjeni kwalunkwe okkorrenza ulterjuri ( 13 ).

L-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa wkoll jivverifikaw li s-sistema ta’ kontroll uffiċjali hija effettiva u jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jirrettifikaw kwalunkwe nuqqas identifikat ( 14 ).

1.4.1

Azzjoni meħuda biex tiġi żgurata l-konformità tan-negozju

Il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE (18) irrapportaw dwar il-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità min-negozji. Għal sitta minn dawn il-pajjiżi, l-informazzjoni hija limitata għall-għażliet klassiċi biex jiġu infurzati r-regoli bħat-twissijiet, il-penali u l-azzjoni legali.

Ir-rapporti l-oħra jinkludu informazzjoni dwar miżuri bħal kampanji ta’ informazzjoni, gwida u taħriġ għan-negozji biex jgħinuhom jikkonformaw mar-regoli dwar is-sikurezza alimentari.

Xi eżempji tajbin:

l-awtoritajiet Daniżi jużaw għodod u soluzzjonijiet diġitali, bħal għodda għall-ġestjoni tar-riskju għan-negozji tal-ikel u għodda għall-verifika tat-temperatura korretta għall-ħżin;

l-awtoritajiet Ungeriżi jirrapportaw dwar l-ewwel impatt pożittiv tal-approċċ aktar konsultattiv meħud, flimkien mal-azzjoni ta’ infurzar;

fil-Belġju, in-negozji ċċertifikati taħt il-gwidi nazzjonali vvalidati ta’ awtoverifika huma eliġibbli għal tariffi aktar baxxi u frekwenza aktar baxxa ta’ kontrolli uffiċjali.

1.4.2

Infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali

L-awtoritajiet nazzjonali jridu jistabbilixxu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 15 ).

L-awtoritajiet nazzjonali jużaw firxa ta’ metodi ta’ infurzar, mill-ħruġ ta’ twissijiet verbali u bil-miktub sas-sekwestru u l-qerda ta’ oġġetti u t-tneħħija (temporanja) jew ir-restrizzjoni tal-approvazzjonijiet tan-negozji. Il-multi amministrattivi jintużaw bħala deterrent. Il-proċedimenti legali formali jibqgħu bħala l-aħħar istanza.

Ċart 1 turi n-numru ta’ penali amministrattivi applikati fis-setturi differenti li jaħdmu fil-katina alimentari. Ċart 2 tipprovdi analiżi skont il-kategorija u ċ-Ċart 3 turi l-għadd ta’ azzjonijiet legali meħuda f’kull kategorija.

Ċart 1: Penali amministrattivi fl-2022 skont is-settur tan-negozju

Ċart 2: Penali amministrattivi fl-2022 skont il-kategorija

Ċart 3: Azzjoni legali meħuda fl-2022

 

1.4.3

Azzjoni meħuda biex jiġu żgurati sistemi ta’ kontroll uffiċjali effettivi

L-awtoritajiet nazzjonali jrid ikollhom proċeduri u/jew arranġamenti fis-seħħ biex jiżguraw l-effettività u l-adegwatezza tal-kontrolli uffiċjali. Biex jiksbu dan, irid ikollhom jew ikollhom aċċess għal:

numru suffiċjenti ta’ membri tal-persunal li jkunu kkwalifikati u b’esperjenza kif xieraq;

faċilitajiet u tagħmir xierqa u miżmuma kif suppost; u

kapaċità tal-laboratorju suffiċjenti għall-analiżi, l-ittestjar u d-dijanjożi.

L-awtoritajiet nazzjonali jridu jwettqu awditi fuq is-sistemi ta’ kontroll tagħhom stess (jew iqabbdu lil xi ħadd jagħmel awditi fuqhom stess) u jridu jistabbilixxu proċeduri ta’ verifika tal-kontroll ( 16 ) biex jiżguraw il-konformità u li s-sistemi ta’ kontroll ikunu effettivi. Dan jinkludi awditi fuq kwalunkwe entità jew persuna li l-awtorità nazzjonali setgħet iddelegatilha kompiti.

Informazzjoni dwar wieħed jew aktar minn dawn l-aspetti hija inkluża fi 22 rapport annwali.

L-informazzjoni hija pjuttost limitata dwar il-korsijiet ta’ taħriġ ipprovduti lill-persunal jew segwiti minnu, u dwar awditi u metodi oħra ta’ verifika użati biex tiġi vvalutata l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll uffiċjali.

Dwar ir-riżorsi:

Iċ-Ċekja rrapportat nuqqas ta’ finanzjament għad-dijanjostika tal-laboratorju lejn tmiem is-sena, li rriżulta f’kampjunar u ttestjar limitati;

Il-Bulgarija semmiet xejra ’l isfel fin-numru ta’ uffiċjali, flimkien ma’ żieda fin-numru ta’ negozji stabbiliti;

L-Estonja ddikjarat li n-nuqqas ta’ esperti u t-tul li jirriżulta taż-żminijiet ta’ evalwazzjoni għas-sustanzi attivi għall-protezzjoni tal-pjanti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jibqgħu ta’ sfida.

Tmien pajjiżi tal-UE rrapportaw bidliet fl-MANCP attwali tagħhom. Ir-raġunijiet mogħtija għal dawn il-bidliet kienu:

tibdiliet sinifikanti fl-istruttura, il-ġestjoni jew l-operat tal-awtoritajiet kompetenti;

leġiżlazzjoni ġdida;

aġġornament annwali tal-objettivi.

Parti 2

Kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fil-pajjiżi tal-UE fl-2022

2.1

Awditi u kontrolli

Il-programm ta’ awditjar u analiżi tal-2022 ( 17 ) kien it-tieni wieħed taħt il-pjan pluriennali 2021–2025. Fl-2022, bdejna nindirizzaw bosta mill-prijoritajiet stabbiliti fil-pjan pluriennali. Dawn jinkludu:

il-benesseri tal-annimali tal-għoġġiela f’postijiet ta’ kontroll matul it-trasport intra-UE;

il-benesseri tal-annimali fil-bastimenti tal-bhejjem;

passaporti tal-pjanti użati matul il-moviment tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra fl-UE.

Aħna wettaqna 120 kontroll fuq is-sistemi ta’ kontroll uffiċjali tal-pajjiżi tal-UE fl-2022. Tabella 3 tipprovdi diżaggregazzjoni tat-tip ta’ kontrolli u l-metodoloġija użati.

Tabella 3 – tipi ta’ kontroll u metodoloġija, 2022

Tip ta’ awditu

Kompletament remot

Parzjalment remot

Awditu

Fuq il-post

7

60

3

Analiżi tad-dokumenti

27

Studju ta’ ġbir ta’ informazzjoni

4

1

9

Segwitu ġenerali

4

3

2

L-Illustrazzjoni 2 turi l-kopertura ġeografika ta’ dawn il-kontrolli. Iċ-Ċart 4 turi l-għadd ta’ awditi mwettqa skont il-kategorija ta’ kontroll.

Illustrazzjoni 2: Kopertura tal-kontrolli tal-Kummissjoni fl-2022

Ċart 4: Kontrolli mwettqa skont il-kategorija, 2022

2.2

Rakkomandazzjonijiet

Il-kontrolli mwettqa fl-2022 irriżultaw f’total ta’ 363 rakkomandazzjoni lill-pajjiżi tal-UE. Iċ-Ċart 3 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn dawn għal kull settur. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament jipprovdi diżaggregazzjoni ulterjuri taċ-ċifri skont iż-żona awditjata.

Ċart 5: Rakkomandazzjonijiet magħmula fl-2022 skont is-settur

2.3

Punti ewlenin mill-kontrolli tal-Kummissjoni mwettqa fl-2022

Ikel

L-awditi fis-settur tas-sajd sabu problemi fir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd żgħar, kontrolli ta’ siti ta’ ħatt l-art u operazzjonijiet relatati u nuqqas ta’ kontrolli ta’ bastimenti li jħottu l-art f’pajjiżi oħra tal-UE. L-użu ta’ metodi alternattivi ta’ ttestjar tal-istamina jista’ jdgħajjef l-affidabbiltà u/jew il-validità tar-riżultati tat-testijiet.

Estendejna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awditi tagħna fis-settur tal-laħam, li bdiet bil-biċċeriji tal-frat u kompliet b’dak tal-ħnieżer, tan-nagħaġ u tal-pollam. Instabu dgħufijiet fit-taħriġ u s-superviżjoni tal-veterinarji uffiċjali u fl-effettività tal-kontrolli f’biċċeriji bi produzzjoni baxxa.

Instabu nuqqasijiet komuni fis-settur tal-ħalib fl-infurzar tal-proċeduri tal-operaturi dwar l-ittestjar tal-ħalib mhux ipproċessat u l-verifika tat-trattament bis-sħana.

L-awditi dwar ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali wrew il-ħtieġa li tittejjeb ir-reġistrazzjoni tal-produtturi primarji fl-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali bbażati fuq ir-riskju.

OĠM

Aħna wettaqna żewġ studji ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex niġbru informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ kontrolli u dispożizzjonijiet dwar organiżmi u prodotti, inkluż ikel u għalf li fihom tali prodotti, miksuba permezz ta’ tekniki ġenomiċi ġodda ( 18 ). L-għan kien ukoll li jiġu identifikati prattiki tajbin u ostakli jew diffikultajiet komuni li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-kontrolli.

Għalf

L-awditi li wettaqna żvelaw oqsma għal titjib fil-valutazzjoni tas-sistema tal-analiżi tal-perikli u tal-punti kritiċi ta’ kontroll tal-operaturi, l-implimentazzjoni ta’ protokolli xierqa ta’ kampjunar u kontrolli uffiċjali fuq it-tikkettar.

Saħħa tal-annimali

Il-kontrolli tagħna fuq il-miżuri meħuda biex jitrażżan it-tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan indikaw sfidi fir-rigward tal-identifikazzjoni bikrija tal-marda, il-bijosigurtà u l-kontrolli tal-moviment minn żoni ristretti.

Fir-rigward tal-miżuri meħuda dwar l-influwenza avjarja b’livell patoġeniku għoli, kien hemm lok għat-tisħiħ tal-ippjanar ta’ kontinġenza u t-tħejjija fl-oqsma tal-inkjesti epidemjoloġiċi u l-arranġamenti ta’ depopolazzjoni.

Ir-riżultati mill-kontrolli tagħna biex nivvalutaw l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi ta’ eradikazzjoni tar-rabja indikaw li, b’mod ġenerali, l-implimentazzjoni tal-programm miexja ‘l quddiem skont l-objettivi.

Prodotti sekondarji mill-annimali

L-oqsma identifikati għat-titjib jinkludu verifiki fuq prodotti sekondarji mill-annimali ġġenerati fis-settur tal-ikel, il-valutazzjoni tas-sistemi tal-analiżi tal-perikli u tal-punti kritiċi ta’ kontroll tal-operaturi, u verifiki tal-validazzjoni tal-impjanti tal-ipproċessar.

Benesseri tal-annimali

L-eżitu ta’ proġett li jħares lejn sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità għall-benesseri tal-annimali u l-użu ta’ indikaturi ġie miġbur fil-qosor f’rapport ġenerali . Il-proġett ikkonkluda li hemm bżonn ta’ indikaturi użati b’mod universali biex ikejlu l-istat jew il-bidliet tal-benesseri tal-annimali fil-livell tal-azjendi agrikoli.

Fir-rigward tal-benesseri tal-annimali matul it-trasport, bdejna proġetti ġodda dwar it-trasport ta’ għoġġiela miftuma fuq vjaġġi twal u t-trasport tal-annimali lejn pajjiżi mhux tal-UE permezz ta’ bastimenti tal-baħar.

Saħħa tal-pjanti

L-awditi tagħna dwar il-miżuri meħuda biex jitrażżan it-tixrid tal-Xylella fastidiosa identifikaw l-ostakli li jdewmu l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ eradikazzjoni meħtieġa, speċjalment fl-istadji bikrija tal-kontrolli ta’ tifqigħa.

Serje ġdida ta’ awditi appoġġjat lill-awtoritajiet nazzjonali billi għenithom jadattaw is-sistemi ta’ kontroll tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda dwar il-passaporti tal-pjanti.

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

Is-serje ta’ awditi u taħriġ tagħna ffukat fuq il-kontrolli uffiċjali fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, il-ġestjoni integrata tal-pesti u t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi.

Produzzjoni organika u tikkettar ta’ prodotti organiċi

Peress li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar il-prodotti organiċi ilha fis-seħħ biss mill-bidu tal-2022 u meta jitqies iż-żmien meħtieġ għat-tranżizzjoni għar-rekwiżiti l-ġodda, ma sar l-ebda awditu fil-pajjiżi tal-UE fl-2022.

Denominazzjoni ta’ oriġini protetta, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

Awditu dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ kontroll uffiċjali fis-seħħ għad-DOP u l-IĠP fis-settur tal-inbid żvela lakuni fil-verifika tal-konformità mal-aspetti kollha koperti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott meta jitwettqu l-kontrolli għand il-produtturi.

Prattiki frawdolenti u qarrieqa

Il-proġett dwar l-arranġamenti stabbiliti mill-pajjiżi tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi fil-katina agroalimentari ġie konkluż u l-eżitu tiegħu ġie ppubblikat f’ rapport ġenerali . Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat  rapport tekniku biex tappoġġja lill-Istati Membri sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti legali tal-UE f’dan il-qasam.

Dħul ta’ annimali u oġġetti fl-UE

Ir-riżultati tal-awditi kkonfermaw li, b’mod ġenerali, il-pajjiżi tal-UE jkomplu jtejbu s-sistemi tagħhom u jimplimentaw il-kontrolli f’dan il-qasam.

Residwi tal-prodotti mediċinali veterinarji u tal-kontaminanti ambjentali fl-annimali u fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-pjanijiet nazzjonali għall-monitoraġġ tar-residwi u t-tmien awditi mwettqa wrew konformità mar-regoli.

Saħħa waħda

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-pjanijiet nazzjonali dwar ir-reżistenza antimikrobika ġew miġbura fil-qosor f’ rapport ġenerali . Is-sejbiet ta’ dan il-proġett għandhom jgħinu lill-pajjiżi tal-UE jidentifikaw u jiżviluppaw sinerġiji fil-kuntest tad-dimensjoni Saħħa Waħda. Għandhom jgħinuhom ukoll jidentifikaw kwalunkwe lakuna u jsaħħu l-pjanijiet eżistenti tagħhom.

2.4

Segwitu sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi

2. 4.1

Awditi ta’ segwitu ġenerali

Abbażi taċ-ċiklu tal-awditjar ta’ tliet snin, aħna wettaqna disa’ awditi ta’ segwitu ġenerali fl-2022.

Tabella 4: Awditi ta’ segwitu ġenerali fl-2022

Awditi ta’ segwitu ġenerali:

Ir-rieżami sistematiku tal-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar kompla jkun effettiv fl-indirizzar tal-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet identifikati. Ir-riżultati tal-verifiki ta’ segwitu ġenerali ġew ippubblikati fil- profili tal-pajjiżi .

Fl-aħħar ta’ Diċembru 2022, l-awtoritajiet nazzjonali kienu ħadu azzjoni korrettiva jew ipprovdew impenji sodisfaċenti biex jindirizzaw il-maġġoranza tan-nuqqasijiet identifikati fi skadenzi aċċettabbli. Abbażi ta’ indikatur kontinwu ta’ tliet snin, kienu saru impenji għal azzjonijiet korrettivi għal 93 % tar-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-awditi mwettqa matul il-perjodu ta’ tliet snin 2018–2020.

Aħna qegħdin inkomplu nimmonitorjaw ir-rakkomandazzjonijiet miftuħa kollha billi nwettqu awditi ta’ segwitu ġenerali.

2.4.2

Infurzar

Fl-2022, il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra r-Renju Unit talli ma kkonformax ma’ partijiet sinifikanti tal-Qafas ta’ Windsor. L-għan ta’ dawn il-proċedimenti ta’ ksur huwa li terġa’ tinkiseb il-konformità tar-Renju Unit mal-Qafas f’numru ta’ oqsma ewlenin, bl-għan aħħari li jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE ( 19 ).

Fl-2022, il-Kummissjoni ma rreferiet l-ebda kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma soġġetti għal kontrolli uffiċjali koperti minn dan ir-rapport.



Konklużjonijiet

Fl-2022, l-awtoritajiet nazzjonali komplew jissodisfaw ir-rwol tagħhom li jimmonitorjaw u li jivverifikaw li n-negozji tul il-katina alimentari jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli tal-UE u ħadu miżuri ta’ infurzar meta dan ma kienx il-każ.

Ir-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (għalkemm gradwalment reġgħu lura għan-normal fl-2022), il-livelli tal-persunal u r-restrizzjonijiet tar-riżorsi ġew ikkwotati bħala raġunijiet għaliex l-awtoritajiet nazzjonali ma setgħux jimplimentaw kompletament il-programmi ppjanati tagħhom.

L-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġ li jlestu l-ħidma biex jadattaw is-sistemi tad-data interna tagħhom biex jittrattaw data kompluta u konsistenti fil-format meħtieġ. Il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar it-tlestija tar-rapport annwali; is-segwitu tal-gwida għandu jtejjeb il-komparabbiltà tad-data pprovduta għall-2023 u s-snin sussegwenti.

Ir-rapporti annwali jitjiebu wkoll meta l-awtoritajiet nazzjonali jinkludu dikjarazzjonijiet dwar il-livell ġenerali ta’ konformità, l-effettività ġenerali tas-sistemi ta’ kontroll uffiċjali tagħhom u l-adegwatezza tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali( 20 .

Fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali dwar it-trattament xieraq tal-annimali, ir-rapporti annwali futuri jridu jipprovdu analiżi aħjar tal-inċidenti ewlenin ta’ nuqqas ta’ konformità u tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex tiġi evitata kwalunkwe rikorrenza ta’ inċidenti bħal dawn.

Ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-pajjiżi tal-UE u tal-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-awtoritajiet nazzjonali juru li hemm fis-seħħ sistemi ta’ kontroll u li jipprovdu livelli ta’ konformità li huma kompatibbli mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf u tas-suq intern tal-UE b’saħħtu. Madankollu, il-kontrolli tal-Kummissjoni identifikaw dgħufijiet u aktar lok għal titjib.

Is-segwitu sistematiku mill-Kummissjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar juri li l-awtoritajiet nazzjonali ġeneralment qed jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati.

Filwaqt li taħdem fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tkompli tappoġġja t-titjib kontinwu tas-sistemi ta’ kontroll uffiċjali permezz ta’ networks ta’ esperti nazzjonali u l- inizjattiva Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel .

(1) ()    Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
(2) ()    F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023, ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87 ) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas.
(3) ()     Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
(4) ()    L-Artikolu 116 tar- Regolament (UE) 2017/625 .
(5) ()    L-Artikolu 113(1) tar- Regolament (UE) 2017/625 .
(6) ()    L-Artikolu 114 tar- Regolament (UE) 2017/625 .
(7) ()    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SWD(2024) 208 final) li jakkumpanja r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-operat ġenerali tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fil-pajjiżi tal-UE (2022) biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.
(8) ()    Ara Eurostat – key figures of the European food chain – 2022 għal għażla ta’ data għas-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd tal-UE, u għall-katina usa’ mill-għalqa sal-platt.
(9) ()    Din iċ-ċifra ma tinkludix il-kontrolli relatati mas-saħħa tal-pjanti (jiġifieri l-ħruġ ta’ passaporti tal-pjanti u l-applikazzjoni tal-marka ISPM15 għall-imballaġġ tal-injam biex turi li dan kien ġie ttrattat biex jiġi evitat it-tixrid ta’ insetti, żrieragħ u fungi), il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi barra mill-agrikoltura.
(10) ()    L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx għalfejn jirrapportaw l-għadd ta’ entitajiet attivi fit-trasport tal-annimali. Id-data mitluba għall-kontrolli uffiċjali u l-kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità għall-biċċeriji u għall-istabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa tista’ tingħata bħala l-għadd ta’ karkassi jew il-piż, u għalhekk ma jistax jintuża total.
(11) ()     Avviż tal-Kummissjoni dwar dokument ta’ gwida dwar kif għandu jimtela l-mudell tal-formola standard
(12) ()    L-Artikoli 151, 152, 154, 156, 157 u 158 tar-Regolament (UE) 2017/625.
(13) ()    L-Artikolu 138 tar- Regolament (UE) 2017/625 .
(14) ()    L-Artikolu 12(2) u (3) tar- Regolament (UE) 2017/625 .
(15) ()    L-Artikoli 137, 138 u 139 tar- Regolament (UE) 2017/625 .
(16) ()    L-Artikoli 6 u 12 tar- Regolament (UE) 2017/625 .
(17) ()     Il-programmi ta’ ħidma huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni
(18) ()    Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-OĠM ġiet adottata fl-2001 u fl-2003. Tekniki ġenomiċi ġodda huma tekniki li tfaċċaw jew li ġew żviluppati mill-2001.
(19) ()     Stqarrija għall-istampa tal-15 ta’ Ġunju 2022
(20) ()     Ir-Regolament (UE) 2017/625
Top